
L-Enerġija qed tagħmel ħoss madwar l-Ewropa kollha – u int jista’ jkollok
rwol ewlieni!
Faċli ħafna – kemm titfi d-dwal u l-affarijiet li jaħdmu bl-elettriku,
u tkun qed tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u ssalva l-enerġija ta’
l-Ewropa għall-ġejjieni.
Bħalissa x’aktarx qed taħseb, imma għala għandi noqgħod inħabbel rasi?
Dawl ċkejken wieħed mhux se jbiddel lid-dinja. Imma, aħseb daqsxejn....
Naħdmuha malajr...
Bozza tal-mija mixgħula għal siegħa kuljum taħli 36.5 kWh ta’ enerġija
fis-sena. Hemm 75 miljun żagħżugħ fl-Ewropa. Kieku lkoll nitfu dawl wieħed
għal siegħa kuljum – jiġu 36.5 X 75 miljun = 2738 miljun kWh ta’ enerġija
ffrankata.
Dan kieku jżomm milli joħorġu fl-atmosfera 1.37 miljun tunnellata ta’
karbon – l-ammont iġġenerat minn power station żgħira (150 Mwe)
Allura, tassew f’idejk li tkun l-eroj ta’ l-istorja tagħna dwar l-Enerġija !
U l-istorja ma tiqafx hawn
Li titfi d-dwal huwa bidu tajjeb. Iżda hemm modi oħra kif tgħin biex ma
tinħeliex l-enerġija tal-pjaneta fil-ġejjieni.

Il-bozoz CFL jużaw 20% ta’ l-enerġija tal-bozoz tradizzjonali, u jdumu
tmien darbiet aktar. Jiswew aktar biex tixtrihom, iżda tkun qed tiffranka
l-flus minħabba li huma daqshekk effiċjenti. Ħeġġeġ lill-iskola, il-familja
u lil sħabek jaraw id-dawl u jagħmlu l-bidla!
Se ddum tilgħab bil-papra fil-banju?!!
Doċċa qasira flok banju twil tiffranka wkoll l-enerġija u l-ilma. Forsi
l-papra ma tiħux gost. Imma kull darba li taqbiżlek tgħum, tagħti spinta
lit-tisħin globali.

Itfilu!
Sitta fil-mija ta’ l-enerġija fl-Ewropa tintuża mit-tagħmir elettriku
mħolli fuq standby. Meta d-dawl aħmar ikun għadu jixgħel, xorta jkun għadu
qed jinħela l-elettriku! Mela ftakar biex dejjem taqla' l-plagg minn affarijiet
bħall-Playstations, CD players u kompjuters!

Uża l-enerġija tax-xemx
Faċli ħafna tixgħel il-ħiter jew it-tumble dryer, iżda sikwit ninsew li
hemm għajn ta’ enerġija brillanti fuq il-bejt tagħna. Kemm jista’ jkun,
nixxef il-ħwejjeġ bl-aktar mod naturali possibbli. Fi ġranet xitwin fejn
ikun hemm ix-xemx, baxxi t-termostat u iftaħ il-purtieri. L-enerġija tax-xemx
tidħol tisreġ u ssaħħanlek darek b’xejn!

Dawn huma biss ftit eżempji ta’ modi kif tista’ tieħu Azzjoni dwar l-Enerġija
u tgħin biex issalva r-riżorsi ta’ l-Ewropa għall-ġejjieni.
Hemm ħafna affarijiet oħra li tista’ tagħmel biex tiffranka l-enerġija.
Ara l-vidjows, il-links u r-ritratti għal aktar ideat.