Sorsi ta’ enerġija li tiġġedded
Rriżorsa dejjem tikber!
Fl-Ewropa, l-istil ta’ ħajja tagħna għadu jiddependi mill-fjuwils fossili. Dawn inħolqu miljuni ta’ snin ilu mill-fdalijiet tal-foresti preistoriċi.
Taħt l-art, iż-żmien u l-pressjoni bil-mod il-mod biddlu s-siġar f’wesgħat kbar ta' żejt, gass u faħam. Madankollu, id-dinja diġà użat nofs dawn il-fjuwils, u se jkunu spiċċaw għal kollox sa ftit għexieren ta’ snin oħra.
Għalhekk huwa vitali li l-Ewropa tiżviluppa sorsi ta’ enerġija li żgur
ma jispiċċaw qatt; l-enerġija mix-xemx, mir-riħ, mill-ilma u mill-pjanti.

L-enerġija li tiġġedded mhix xi ħaġa ġdida. Għal sekli twal, il-bini
tfassal b’tali mod li seta’ jaqfel ġo fih is-sħana tax-xemx. L-injam kien
jintuża għas-sħana u għat-tisjir. L-enerġija mir-riħ kienet tintuża għat-tħin
tad-dqiq, u għat-trasport tal-merkanzija u tan-nies fuq xwieni u vapuri
kbar bil-qlugħ.

Ir-riżorsi ta’ l-enerġija li tiġġedded forsi ma nbidlux, imma nbidlet żgur it-teknoloġija.. It-turbini tar-riħ daż-żmien saru effiċjenti għall-aħħar u issa jiġġeneraw l-elettriku għal eluf ta’ djar fl-Ewropa. U ma jipproduċux l-emissjonijiet tal-karbon li jikkawżaw it-tisħin globali.

L-enerġija mix-xemx qed isir ukoll dejjem aktar importanti. Il-panewijiet
solari jużaw fotovoltajiċi magħmula minn tipi speċjali ta’ silikon. Dawn
jaqilbu d-dawl tax-xemx f’elettriku.

L-enerġija termali tax-xemx tintuża biex tagħti s-sħana u l-misħun. It-tubi ta' fuq jassorbu s-sħana tax-xemx b’mod effiċjenti sew, u jgħaddu s-sħana mill-pajipijiet għal ġot-tank ta’ l-ilma.
Hemm bosta użi oħra għall-enerġija mix-xemx. Agħti daqqa t’għajn lil-links u r-ritratti biex issir taf aktar.

L-ilma huwa sors ewlieni ta’ enerġija f’bosta pajjiżi Ewropej, partikolarment fl-Iskandinavja. Id-digi jintużaw biex joħolqu ġibjuni kbar. L-ilma mbagħad jintbagħat nieżel b’veloċità kbira minn pajpijiet weqfin u jagħti l-qawwa lit-turbini sabiex jiġġeneraw l-elettriku. Għal darb'oħra, din ir-riżorsa tiġġedded u ma toħloqx emissjonijiet tal-karbon.
L-aktar forma diversa ta’ enerġija li tiġġedded hija l-bijomassa - l-enerġija mill-materjal bijoloġiku. Hemm bosta għejun differenti ta’ bijomassa, fosthom ir-residwi mill-forestrija, il-fdalijiet ta' l-ikel, il-fdalijiet imħollija mill-annimali, u l-uċuħ tar-raba enerġetiċi.

Bħall-forzi tan-natura li kkonvertew il-foresti preistoriċi f’żejt, faħam u gass, it-teknoloġija tista’ tintuża biex tikkonverti l-bijomassa fi fjuwils solidi, likwidi u gassużi.
L-injam, it-tiben u l-pjanti enerġetiċi, bħaż-żafzafa u l-miscanthus, jistgħu jinħarqu fil-power stations biex joħolqu l-elettriku u s-sħana.
Id-demel, u l-iskart agrikolu u ta’ l-ikel jistgħu jinqalbu għall-bijogass. Dan jista’ jintuża biex jiġġenera s-sħana u l-elettriku u bħala fjuwil għat-trasport.

Il-fermentazzjoni tintuża biex tipproduċi l-bijoetanol mill-uċuħ taċ-ċereali u l-pitravi. Il-proċess ta’ distillazzjoni huwa simili ħafna għal dak li jintuża biex jiġi prodott ix-xorb alkoħoliku. L-etanol jista’ jitħallat mal-petrol jew jintuża bħala fjuwil f’magni li jkunu ġew ikkonvertiti apposta.
Il-bijodiżil huwa prodott mill-kolza u l-lift, mill-ġirasol u minn pjanti taż-żejt oħra. Żejt mill-ħxejjex li jkun ġie ppurifikat jitħallat ma’ l-akoħol biex jifforma ester. Dan jista’ jintuża bħala fjuwil f’magni normali tad-diżil.
Tassew li l-bijodiżil u l-bijoetanol jipproduċu d-diossidu tal-karbon meta jinħarqu f’maġna ta’ karozza. Madankollu, il-pjanti jassorbuh huma u jikbru. Għalhekk, il-bijofjuwils ma jikkontribwixxux b’mod sinifikanti għat-tisħin globali.
Agħti daqqa t’għajn lil-links, ir-ritratti u l-vidjows biex issir taf aktar dwar il-bijofjuwils u sorsi oħra ta’ enereġija li tiġġedded.
![]()
kartolini
Agħżel diżinn et envoie-le un ami.
żona logħob
Ara x’taf bil-logħob onlajn minn madwar id-dinja
ritratti
Ara l-wirja tagħna ta' ritratti BLA ĦLAS dwar l-enerġija.
il-paġni tiegħek
Għid lid-dinja l-istejjer tiegħek dwar l-enerġija malajr u faċilment bil-formola onlajn tagħna.